search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: '   il-koordinatur' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index    il-koordinatur:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas    il-koordinatur:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1107

 

Artikolu 21

Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti

1.   Ir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi, indirizzati bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1), għandhom ikunu intitolati li jagħżlu kwalunkwe korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkun ġie ċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu sabiex isolvu tilwim relatat ma' dawk id-deċiżjonijiet, inkluż ilmenti li ma ssolvewx bis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti msemmija f'dak l-Artikolu.

Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-possibbiltà tar-riċevituri tas-servizz li jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tkun aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tagħhom, ċara u faċli biex tintuża.

L-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat li jiftaħ proċedimenti biex jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-fornituri ta' pjattaformi online quddiem qorti f'konformità mal-liġi applikabbli.

2.   Iż-żewġ partijiet għandhom jiddjalogaw, in bona fide, mal-korp ċertifikat magħżul għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bil-għan li tissolva t-tilwima.

Il-fornituri ta’ pjattaformi online jistgħu jirrifjutaw li jiġu involuti ma’ tali korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jekk t-tilwima li tikkonċerna l-istess informazzjoni u l-istess raġunijiet ta' illegalità jew inkompatibbiltà allegata tal-kontenut tkun diġà ġiet solvuta.

Il-korp iċċertifikat għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma għandux ikollu s-setgħa li jimponi soluzzjoni tat-tilwim vinkolanti fuq il-partijiet.

3.   il-koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu, għal perjodu massimu ta' ħames snin li jista' jiġġedded, jiċċertifika l-korp, fuq talba tiegħu, meta l-korp ikun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun imparzjali u indipendenti, inkluż finanzjarjament indipendenti, mill-fornituri ta' pjattaformi online u mir-riċevituri tas-servizz ipprovdut mill-fornituri ta' pjattaformi online, inkluż minn individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi;

(b)

ikollu l-għarfien espert meħtieġ rigward il-kwistjonijiet li jinqalgħu f'qasam partikolari wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, jew b'rabta mal-applikazzjoni u l-infurzar tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' tip wieħed jew aktar ta' pjattaformi online, li jippermettu lill-korp jikkontribwixxi b'mod effettiv għas-soluzzjoni ta' tilwima;

(c)

il-membri tiegħu jitħallsu b'mod li ma jkunx marbut mal-eżitu tal-proċedura;

(d)

is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti tkun aċċessibbli faċilment permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika u tipprevedi l-possibbiltà li t-talba ta' soluzzjoni għat-tilwim u d-dokumenti ta' sostenn meħtieġa jitressqu online;

(e)

ikun kapaċi jsolvi t-tilwim b'mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv u b'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

(f)

is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti ssir f'konformità ma' regoli ta' proċedura ċari u ġusti li jkunu aċċessibbli faċilment u pubblikament, u li jikkonformaw mal-liġi applikabbli, inkluż dan l-Artikolu.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, meta applikabbli, jispeċifika fiċ-ċertifikat:

(a)

il-kwistjonijiet partikolari li magħhom jirrelata l-għarfien espert tal-korp, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu; u

(b)

il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li bihom il-korp kapaċi jsolvi t-tilwim, kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu.

4.   Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jirrapportaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifikahom, fuq bażi annwali, dwar il-funzjonament tagħhom, filwaqt li jispeċifikaw mill-inqas l-għadd ta' tilwimiet li jkunu rċevew, informazzjoni dwar l-eżiti ta' dak it-tilwim, il-medja ta' żmien meħuda biex jissolvew u kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali fuq talba ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.

Kull sentejn, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapport dwar il-funzjonament tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikati minnhom. Dak ir-rapport għandu, b'mod partikolari:

(a)

jelenka l-għadd ta' tilwimiet li kull korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat ikun irċieva kull sena;

(b)

tindika r-riżultati tal-proċeduri miġjuba quddiem dawk il-korpi u l-medja ta' żmien meħud biex jissolva t-tilwim;

(c)

jidentifika u jispjega kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu mil-lat sistematiku jew settorjali fir-rigward tal-funzjonament ta' dawk il-korpi;

(d)

jidentifika l-aħjar prattiki li jikkonċernaw dak il-funzjonament;

(e)

jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jittejjeb dak il-funzjonament, fejn xieraq.

Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom iqiegħdu d-deċiżjonijiet tagħhom għad-dispożizzjoni tal-partijiet f'perjodu raġonevoli u mhux aktar tard minn 90 jum tal-kalendarju wara l-wasla tal-ilment. Fil-każ ta' tilwimiet kumplessi ħafna, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat jista', fid-diskrezzjoni tiegħu, jestendi l-perjodu ta' 90 jum tal-kalendarju, għal perjodu addizzjonali li ma għandu jeċċedi 90 jum, li jirriżulta f’ massimu ta' 180 jum.

5.   Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur ir-riċevitur tas-servizz, inkluż favur l-individwu jew l-entità li jkunu ssottomettew avviż, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jħallas it-tariffi kollha mitluba mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, u jirrimborża lil dak ir-riċevitur, inkluż l-individwu jew l-entità, għal kwalunkwe spiża raġonevoli oħra li jkun ħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur il-fornitur ta' pjattaforma online, ir-riċevitur tas-servizz, inkluż l-individwu jew l-entità, ma għandux jintalab jirrimborża xi tariffa jew spiża oħra li l-fornitur ta' pjattaforma online ikun ħallas jew għandu jħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim, sakemm il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jsibx li dak ir-riċevitur jkun aġixxa manifestament in mala fide.

It-tariffi imposti mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti lill-fornituri tal-pjattaformi online għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ikunu raġonevoli u fi kwalunkwe każ ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż imġarrba mill-korp. Għar-riċevituri tas-servizz, is-soluzzjoni tat-tilwim għandha tkun disponibbli bla ħlas jew b’tariffa nominali.

Il-korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jgħarrfu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiddeterminaw it-tariffi, lir-riċevitur tas-servizz, inkluż lill-individwi jew lill-entitajiet li jkunu ssottomettew avviż, u lill-fornitur ta’ pjattaforma online kkonċernata qabel ma jinvolvu ruħhom fis-soluzzjoni tat-tilwim.

6.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għall-finijiet tal-paragrafu 1 jew jappoġġaw l-attivitajiet ta' wħud mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw, jew kollha kemm huma, f'konformità mal-paragrafu 3.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull attività tagħhom imwettqa skont l-ewwel subparagrafu ma taffettwax il-kapaċità tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom li jiċċertifikaw il-korpi kkonċernati f'konformità mal-paragrafu 3.

7.   il-koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifika l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni mingħand partijiet terzi, jiddetermina li l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3. Qabel jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lil dak il-korp biex jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka ċ-ċertifikazzjoni tal-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.

8.   il-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw f'konformità mal-paragrafu 3, inkluż, meta applikabbli, l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, kif ukoll il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li ċ-ċertifikazzjoni tagħhom tkun ġiet irrevokata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-korpi, inkluż dawk l-ispeċifikazzjonijiet, fuq sit web apposta li jkun faċilment aċċessibbli, u żżommha aġġornata.

9.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2013/11/UE u l-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-entitajiet għall-konsumaturi stabbiliti skont dik id-Direttiva.

Artikolu 22

Sinjalaturi fdati

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati, li jaġixxu fil-qasam deżinjat tal-għarfien espert tagħhom, permezz ta’ mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, jingħataw prijorità u jiġu pproċessati u deċiżi mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-istatus ta' sinjalaturi fdati skont dan ir-Regolament għandu jingħata, wara applikazzjoni minn kwalunkwe entità, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-applikant, lil applikant li jkun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikollu għarfien espert u kompetenza partikolari għall-finijiet tad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-avviż ta' kontenut illegali;

(b)

ikun indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta' pjattaformi online;

(c)

ikun iwettaq l-attivitajiet tiegħu għall-finijiet ta' sottomissjoni tal-avviżi fil-ħin, b'mod diliġenti, preċiż u oġġettiv.

3.   Is-sinjalaturi fdati għandhom jippubblikaw, mill-inqas darba fis-sena, rapporti dettaljati li jinftiehmu faċilment dwar avviżi sottomessi skont l-Artikolu 16 matul il-perjodu rilevanti. Ir-rapport għandu jelenka mill-inqas l-għadd ta' avviżi kkategorizzati skont:

(a)

l-identità tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting,

(b)

it-tip ta' kontenut allegatament illegali nnotifikat,

(c)

l-azzjoni meħuda mill-fornitur.

Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu spjegazzjoni tal-proċeduri fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-sinjalatur fdat iżomm l-indipendenza tiegħu.

Is-sinjalaturi fdati għandhom jibagħtu dawk ir-rapporti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun tahom l-istatus u għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mis-sinjalaturi fdati. L-informazzjoni f'dawk ir-rapporti ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   il-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord l-ismijiet, l-indirizzi u l-indirizzi tal-email tal-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' sinjalatur fdat f'konformità mal-paragrafu 2 jew li jkunu ssospendew l-istatus ta’ sinjalatur fdat f’konformità mal-paragrafu 6 jew irrevokawh skont il-paragrafu 7.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 f'bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku, b'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni, u għandha żżommha aġġornata.

6.   Meta fornitur ta' pjattaformi online jkollu informazzjoni li tindika li sinjalatur fdat issottometta għadd sinifikanti ta' avviżi mhux preċiżi biżżejjed, ineżatti jew mhux sostanzjati kif xieraq bil-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, inkluż informazzjoni miġbura b'rabta mal-ipproċessar tal-ilmenti permezz tas-sistemi interni għat-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 20(4), dan għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lill-entità kkonċernata, filwaqt li jipprovdi l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa. Malli jirċievi l-informazzjoni mingħand il-fornitur ta' pjattaformi online u jekk il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jqis li hemm raġunijiet leġittimi biex tinfetaħ investigazzjoni, l-istatus ta' sinjalatur fdat għandu jiġi sospiż matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dik l-investigazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien żejjed.

7.   il-koordinatur tas-Servizzi Diġitali li ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lil entità għandu jirrevoka dak l-istatus jekk jiddetermina, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni riċevuta mingħand partijiet terzi, inkluża informazzjoni pprovduta minn fornitur ta' pjattaformi online skont il-paragrafu 6, li l-entità ma għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2. Qabel jirrevoka dak l-istatus, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lill-entità biex tirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka l-istatus tal-entità bħala sinjalatur fdat.

8.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha, fejn meħtieġ, toħroġ linji gwida biex tassisti lill-fornituri ta' pjattaformi online u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 6 u 7.

Artikolu 40

Aċċess u skrutinju tad-data

1.   Fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Kummissjoni, fuq talba motivata tagħhom u fi żmien raġonevoli, kif speċifikat f’dik it-talba, aċċess għad-data meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   il-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-data aċċessata skont il-paragrafu 1 biss għall-fini tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom iqisu kif xieraq id-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u r-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tad-data personali, il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment jew tal-Kummissjoni, jispjegaw id-disinn, il-loġika, il-funzjonament u l-ittestjar tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom.

4.   Fuq talba motivata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fi żmien raġonevoli, kif speċifikat fit-talba, jipprovdu aċċess għad-data lir-riċerkaturi verifikati li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, għall-uniku fini biex titwettaq riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 34(1), u għall-valutazzjoni tal-adegwatezza, l-effiċjenza u l-impatti tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 35.

5.   Fi żmien 15-il jum mill-wasla ta' talba kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jitolbu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, biex it-talba tiġi emendata, meta jqisu li ma jkunux jistgħu jagħtu aċċess għad-data mitluba minħabba xi waħda miż-żewġ raġunijiet li ġejjin:

(a)

ma jkollhomx aċċess għad-data;

(b)

l-għoti ta' aċċess għad-data jkun se jwassal għal vulnerabbiltajiet sinifikanti fis-sigurtà tas-servizz tagħhom jew għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali.

6.   It-talbiet għal emenda skont il-paragrafu 5 għandu jkun fihom proposti għal mezz alternattiv wieħed jew aktar li permezz tagħhom ikun jista' jingħata aċċess għad-data mitluba jew għal data oħra li tkun xierqa u suffiċjenti għall-fini tat-talba.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal emenda fi żmien 15-il jum u jikkomunika d-deċiżjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna u, meta rilevanti, it-talba emendata u l-iskadenza l-ġdida għall-konformità mat-talba.

7.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiffaċilitaw u jipprovdu aċċess għad-data skont il-paragrafi 1 u 4 permezz ta' interfaċċi xierqa speċifikati fit-talba, inklużi bażijiet tad-data online jew interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.

8.   Fuq applikazzjoni sostanzjata kif xieraq mir-riċerkaturi, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jagħti lil tali riċerkaturi għal riċerka speċifika l-istatus ta’ “riċerkaturi verifikati” għar-riċerka speċifika msemmija fl-applikazzjoni u joħroġ talba motivata għall-aċċess tad-data lil fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont il-paragrafu 4, fejn ir-riċerkaturi juru li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu affiljati ma' organizzazzjoni tar-riċerka kif definita fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2019/790;

(b)

ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali;

(c)

l-applikazzjoni tagħhom tiżvela kif se tiġi ffinanzjata r-riċerka;

(d)

ikunu kapaċi li jissodifaw ir-rekwiżiti speċifiċi tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data li jikkorrispondu għal kull talba u li jipproteġu d-data personali, u fit-talba tagħhom jiddeskrivu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jkunu implimentaw għal dan il-għan;

(e)

l-applikazzjoni tagħhom turi li l-aċċess għad-data u l-iskadenzi mitluba huma neċessarji u proporzjonati għall-finijiet tar-riċerka tagħhom u li r-riżultati mistennija ta’ dik ir-riċerka se jikkontribwixxu għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 4;

(f)

l-attivitajiet ta' riċerka ppjanati jkunu se jitwettqu għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 4;

(g)

ikunu jimpenjaw ruħhom li jqiegħdu r-riżultati tar-riċerka tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli wara t-tlestija tar-riċerka suġġett għad-drittijiet u l-interessi tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernat, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

Mal-wasla tal-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma u lill-Kummissjoni u lill-Bord.

9.   Ir-riċerkaturi jistgħu wkoll jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-organizzazzjoni tar-riċerka li jkunu affiljati magħha. Malli jirċievi l-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jwettaq valutazzjoni inizjali dwar jekk ir-riċerkaturi rispettivi jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 8. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rispettiv għandu sussegwentement jibgħat l-applikazzjoni, flimkien mad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati mir-riċerkaturi rispettivi u l-valutazzjoni inizjali, lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus ta “riċerkatur verifikat” lil riċerkatur mingħajr dewmien żejjed.

Filwaqt li titqies il-valutazzjoni inizjali pprovduta, id-deċiżjoni finali li r-riċerkatur jingħata l-istatus ta' riċerkatur verifikat hija kompetenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, skont il-paragrafu 8.

10.   il-koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' riċerkatur verifikat u ħareġ it-talba motivata għall-aċċess għad-data lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna favur riċerkatur verifikat għandu joħroġ deċiżjoni li tittermina l-aċċess jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu jew abbażi ta' informazzjoni li tkun waslet mingħand partijiet terzi, jiddetermina li r-riċerkatur verifikat ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, u għandu jinforma lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat bid-deċiżjoni. Qabel jagħlaq l-aċċess, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jippermetti lir-riċerkatur verifikat jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u għall-intenzjoni tiegħu li jagħlaq l-aċċess.

11.   il-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandhom jikkomunikaw lill-Bord l-ismijiet u l-informazzjoni ta' kuntatt tal-persuni fiżiċi jew l-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' “riċerkatur verifikat” f’konformità mal-paragrafu 8, kif ukoll il-fini tar-riċerka li rigward tagħha tkun saret l-applikazzjoni jew, fejn jkunu tterminaw l-aċċess għad-data skont il-paragrafu 10, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-Bord.

12.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jagħtu aċċess mingħajr dewmien żejjed għad-data, fejn ikun teknikament possibbli, f'ħin reali, dment li d-data tkun aċċessibbli għall-pubbliku fl-interfaċċa online tagħhom mir-riċerkaturi, inklużi dawk affiljati ma' korpi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, li jirrispettaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, punti (b), (c), (d) u (e) u li jużaw id-data esklużivament biex iwettqu riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni skont l-Artikolu 34(1).

13.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord, tadotta atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tekniċi li skonthom il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jikkondividu d-data skont il-paragrafi 1 u 4 u l-iskopijiet li għalihom tista' tintuża d-data. Dawk l-atti delegati għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet speċifiċi li abbażi tagħhom ssir il-kondiviżjoni tad-data mar-riċerkaturi f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll indikaturi oġġettivi rilevanti, proċeduri u, fejn neċessarju, mekkaniżmi ta' konsulenza indipendenti b’appoġġ tal-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.

Artikolu 55

Rapporti dwar l-attività

1.   il-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapporti annwali dwar l-attivitajiet tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż l-għadd ta' lmenti li jaslu fis-sens tal-Artikolu 53 u ħarsa ġenerali lejn is-segwitu tagħhom. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jagħmlu r-rapporti annwali disponibbli għall-pubbliku f'format li jinqara mill-magni, soġġett għar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 84, u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Bord.

2.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-għadd u s-suġġett tal-ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali u tal-ordnijiet għal għoti tal-informazzjoni maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10 minn xi awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali tal-Istat Membru tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat;

(b)

l-effetti mogħtija lil dawk l-ordnijiet, kif ikkomunikati lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali skont l-Artikoli 9 u 10.

3.   Meta Stat Membru jkun iddeżinja bosta awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 49, dan għandu jiżgura li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jfassal rapport uniku li jkopri l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha u li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jirċievi l-informazzjoni u l-appoġġ rilevanti kollha meħtieġa għal dak il-għan mingħand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati.

TAQSIMA 2

Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

Artikolu 57

Assistenza reċiproka

1.   il-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u jipprovdu lil xulxin b'assistenza reċiproka sabiex japplikaw dan ir-Regolament b'mod konsistenti u effiċjenti. L-assistenza reċiproka għandha tinkludi, b'mod partikolari, l-iskambju ta' informazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu u d-dmir tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment li jinforma lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni, lill-Bord u lill-Kummissjoni dwar il-ftuħ ta' investigazzjoni u l-intenzjoni li jieħu deċiżjoni finali, inkluż il-valutazzjoni tiegħu, fir-rigward ta' fornitur speċifiku ta' servizzi intermedjarji.

2.   Għall-fini ta' investigazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jitlob lil Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali oħra biex jipprovdu informazzjoni speċifika fil-pussess tagħhom fir-rigward ta' fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji jew biex jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom imsemmija fil-Artikolu 51(1) fir-rigward ta' informazzjoni speċifika li tinsab fl-Istat Membru tagħhom. Meta xieraq, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba jista' jinvolvi awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istat Membru inkwistjoni.

3.   il-koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba skont il-paragrafu 2 għandu jikkonforma ma' din it-talba u jinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment dwar l-azzjoni meħuda, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahrejn wara li jirċeviha, sakemm:

(a)

l-ambitu tas-suġġett tat-talba ma jkunx speċifikat, ġustifikat jew proporzjonat biżżejjed fid-dawl tal-finijiet investigattivi; jew

(b)

la l-Koordinatur tas-Servizz Diġitali mitlub u lanqas awtorità kompetenti jew awtorità pubblika oħra f'dak l-Istat Membru ma jkollhom fil-pussess tagħhom l-informazzjoni mitluba u lanqas ma jkun jista' jkollhom l-aċċess għaliha; jew

(c)

it-talba ma tistax tiġi eżegwita mingħajr ma tinkiser l-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba għandu jiġġustifika r-rifjut tiegħu billi jissottometti tweġiba motivata, fil-perjodu stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 58

Kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' servizz intermedjarju kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, huwa jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u biex jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, u fuq talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jkollhom raġuni biex jissuspettaw li fornitur speċifiku ta' servizzi intermedjarji jkun kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri fl-Istati Membri tagħhom, il-Bord jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

3.   Talba skont il-paragrafi 1 jew 2 għandha tkun debitament motivata u għandha mill-inqas tindika:

(a)

il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernati kif previst fl-Artikolu 11;

(b)

deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jissuspetta li l-fornitur kiser dan ir-Regolament, inkluż id-deskrizzjoni tal-effetti negattivi tal-ksur allegat;

(c)

kull informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jidhirlu li hija rilevanti, inkluż, meta xieraq, informazzjoni miġbura b'inizjattiva tiegħu stess jew suġġerimenti għal miżuri investigattivi jew ta' infurzar speċifiċi li jridu jittieħdu, inkluż miżuri interim.

4.   il-koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis it-talba bl-akbar reqqa skont il-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu. Meta jidhirlu li ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex jaġixxi fuq it-talba u jkollu raġunijiet biex iqis li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jew jitlob din l-informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 57 jew, inkella, jista' jniedi investigazzjoni konġunta skont l-Artikolu 60(1) li tinvolvi mill-inqas il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti. Il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi sospiż sakemm tiġi tingħata l-informazzjoni addizzjonali jew sakemm tiġi rrifjutata l-istedina għal parteċipazzjoni fl-investigazzjoni konġunta.

5.   il-koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn xahrejn mill-wasla tat-talba jew tar-rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1 jew 2, jikkomunika lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, u lill-Bord, il-valutazzjoni tal-ksur suspettat u spjegazzjoni ta' kwalunkwe miżura investigattiva jew ta' infurzar meħuda jew prevista b'rabta ma' dan biex tkun żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 60

Investigazzjonijiet konġunti

1.   il-koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jniedi u jmexxi investigazzjonijiet konġunti bil-parteċipazzjoni ta' Koordinatur tas-Servizzi Diġitali wieħed jew aktar ikkonċernati:

(a)

fuq l-inizjattiva tiegħu stess, biex jinvestiga ksur allegat ta' dan ir-Regolament minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji f'diversi Stati Membri; jew

(b)

fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, filwaqt li jaġixxi fuq it-talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali b’allegazzjoni, abbażi ta’ suspett raġonevoli, ksur minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji li jaffettwa r-riċevituri tas-servizz fl-Istati Membri tagħhom.

2.   Kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jagħti prova li għandu interess leġittimu li jipparteċipa f'investigazzjoni konġunta skont il-paragrafu 1 jista' jitlob li jagħmel dan. L-investigazzjoni konġunta għandha tiġi konkluża fi żmien tliet xhur minn meta titnieda, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor fost il-parteċipanti.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu dwar l-allegat ksur mhux aktar tard minn xahar wara tmiem l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Il-pożizzjoni preliminari għandha tqis il-fehmiet tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta. Fejn applikabbli, din il-pożizzjoni preliminari għandha tistipula wkoll il-miżuri ta' infurzar previsti.

3.   Il-Bord jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59, meta:

(a)

il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 2;

(b)

il-Bord ma jaqbilx b'mod sostanzjali mal-pożizzjoni preliminari kkomunikata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment; jew

(c)

il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jniedi l-investigazzjoni konġunta minnufih wara r-rakkomandazzjoni mill-Bord skont il-paragrafu 1, punt (b).

4.   Fit-twettiq tal-investigazzjoni konġunta, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali parteċipanti għandhom jikkooperaw in bona fide ma' xulxin, filwaqt li jqisu, fejn applikabbli, l-indikazzjonijiet tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment u r-rakkomandazzjoni tal-Bord. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta għandhom ikunu intitolati, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew wara li jkunu kkonsultawh, li jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji kkonċernati mill-allegat ksur, fir-rigward tal-informazzjoni u l-bini li jinsab fit-territorju tagħhom.

TAQSIMA 3

Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

Artikolu 63

Kompiti tal-Bord

1.   Meta meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 61(2), il-Bord għandu b'mod partikolari:

(a)

jappoġġa l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet konġunti;

(b)

jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi tar-rapporti u r-riżultati tal-awditi ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna li jridu jiġu trażmessi skont dan ir-Regolament;

(c)

jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali f'konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jqis, b'mod partikolari, l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji;

(d)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 66 u, jadotta opinjonijiet li jikkonċernaw pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(e)

jappoġġja u jippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards, linji gwida, rapporti, mudelli u kodiċi ta' kondotta Ewropej f'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kif previst f'dan ir-Regolament, inkluż billi joħroġ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-Artikolu 44, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet emerġenti, fir-rigward ta' kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

2.   il-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u, fejn applikabbli, awtoritajiet kompetenti oħra li ma jimxux mal-opinjonijiet, mat-talbiet jew mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom adottati mill-Bord għandhom jipprovdu r-raġunijiet għal din l-għażla, flimkien ma' spjegazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, l-azzjonijiet u l-miżuri li jkunu implimentaw, meta jirrapportaw skont dan ir-Regolament jew meta jadottaw id-deċiżjonijiet rilevanti tagħhom, kif xieraq.

TAQSIMA 4

Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

Artikolu 85

Sistemi ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm sistema affidabbli u sigura ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni li tappoġġa l-komunikazzjonijiet bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord. Awtoritajiet kompetenti oħra jistgħu jingħataw aċċess għal din is-sistema, fejn neċessarju biex iwettqu l-kompiti kkonferiti lilhom f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   il-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jużaw is-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni għal kull komunikazzjoni skont dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà tagħha ma' sistemi rilevanti oħra. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.


whereas









keyboard_arrow_down